Meta kont ħadt il-ġurament bħala Sindku tlett snin ilu kont għedtilkom li jien impenjat u determinat li naħdem flimkien ma’ sħabi l-kunsilliera kollha madwar din il-mejda u magħkom, ir-rappreżentanti tas-Soċjeta. Ċivili, biex naħdmu flimkien biex inkattru dan is-sens ċiviku ……..ġewwa Ħal Luqa….. li rridu ……… npoġġu flimkien l-għaqdiet kollha ta’ Ħal Luqa u l-Kunsill Lokali biex naraw kif flimkien nistgħu naħdmu biex ikollna Ħal Luqa aħjar.
Ir-rekord ta’ dawn it-tlett snin li għadhom kif għaddew jixhed waħdu li l-Kunsill immexxi minni ħadem bis-sħiħ biex jintlaħaq dan il-għan.
Umilment, infakkar li waħda mill-wegħdiet fil-manifest elettorali kienet li jkollna Kunsill minn fejn noperaw li jkun aċċessibli għal kulħadd. B’sodisfazzjon ngħid li din il-wegħda wettaqnija u l-lum għandna wieħed mill-isbaħ Kunsilli fil-gżejjer Maltin. Fl-istess żmien il-kunsill immexxi minni rnexxielu jġib kważi €350,000 mill-fondi ta’ EU taħt il-Programm Leader li dawn kienu fondi addizzjonali u li bbenefika minnhom il-lokal tagħna. Barra dan ix-xogħol ħdimna tista’ tgħid fl-oqsma kollha. Ma jfissirx li konna perfetti f’kollox imma li huwa żgur hu li għamilna dak kollu possibli biex inħarsu l-interess tar-residenti l-ewwel u qabel kollox. Dan rajnieħ bir-riżultat li kellna ta’ din l-Elezzjoni tal-Kunsilli Lokali li saret fil-11 ta’ April 2015. B’sodisfazzjon ngħid li l-lokal tagħna kien l-unika lokal tista’ tgħid li ra żieda ta’ voti. Dan ir-riżultat ma nkisibx b’kumbinazzjoni iżda inkiseb għax kien hemm l-armonija, l-istabbilita’ u l-kontinwita’.
Dan iddikjaraħ il-Ministru tal-Ġustizzja u l-Gvern Lokali, l-Onor Dr. Owen Mifsud Bonniċi, ftit ġimgħat qabel l-elezzjoni fl-inawgurazzjoni tal-Family Park fi żona ta’ Ħal Farruġ, fejn il-Kunsill imexxi minni irrenjat l-għaqda. Dan kollu sar għax meta ħadt il-ġurament ta’ Sindku kont ipproponejt lili nnifsi li ridt li l-Kunsill Lokali tagħna jkun Kunsill ta’ Ħal Luqa għall-Ħalluqin. Ridt li nqegħdu fil-ġenb dak kollu li seta’ jifridna u naħdmu flimkien fuq dak li jgħaqqadna. Illum nieħu ġost nirrimarka li f’din il-ħaġa rnexxejna. Konna Kunsill magħqud għax dejjem fittixna l-ġid komuni ta’ Ħal Luqa l-ewwel u qabel kollox u ta’ dan inrodd ħajr lil sħabi l-kunsilliera kollha.
Issa, għalkemm, erbgħa minn seba’ membri tal-Kunsill se jkunu Kunsilliera ġodda, jien aktar minn ċert li lkoll kemm aħna se nibqgħu nfittxu l-ewwel u qabel kollox il-ġid komuni ta’ Ħal Luqa u Ħal Farruġ.
Dan ma jfissirx li dejjem se naqblu f’kollox u dwar kollox imma jfisser li l-boxxla li se tmexxina u tiggwida se tkun dik li ma tħarisx lejn l-interessi jew l-ambizzjonijiet personali imma l-boxxla li turi t-triq lejn l-armonija, l-istabbilita’ u l-kotinwita’ ta’ bejnietna għall-ġid tal-komunita’ Ħal Luqija kollha kemm hi.
B’hekk biss nistgħu naslu li nkomplu nagħmlu lil Ħal Luqa u Ħal Farrug l-aqwa raħal f’Malta u Għawdex.
Grazzi ,
John Schembri – SINDKU